Il-Ftuħ tas-Sena Ċentinarja ta’ San Duminku fil-Birgu
L-Ordni Dumnikani mad-dinja matul is-sena 2021 ser ikun qed ifakkar it-8 ċentinarju mill-mewt tal-fundatur tiegħu, il-Patrijarka San Duminku. Għal dan il-għan fil-Birgu, il-Pirjol P. Aaron Zahra O.P. waqqaf kumitat organizzattiv, magħmul minn rappreżentanti tad-diversi għaqdiet Dumnikani fil-Birgu, sabiex iħejji programm ta’ ċelebrazzjonijiet għal matul din is-sena hekk importanti. L-Ordni madwar id-dinja għażel li jiftaħ il-Festi Ċentinarji b’quddiesa solenni nhar l-Epifanija f’Bolonja, fejn miet u hemm jistrieħu l-fdalijiet mortali ta’ San Duminku. Fis-6 ta’ Jannar, il-Kardinal Matteo Zuppi mexxa quddiesa Pontifikali, li għaliha attenda ukoll is-suċċessur ta’ San Duminku, il-Majjistru Gerard Timoner III.
Id-Dumnikani fil-Birgu, ħasbu li jkun xieraq li l-ftuħ solenni tas-Sena Ċentinarja jseħħ wara dak tal-Ordni. Madanakollu, il-komunità Dumnikana tal-Birgu ltaqgħet fil-Knisja tal-Lunzjata lejliet l-ewwel tas-sena fil-11:00p.m., sabiex tilqa’ s-sena 2021 b’quddiesa. Iż-żgħażagħ Dumnikani tal-Birgu ppreżentaw diska ġdida bl-isem Bħal Fjamma Nar b’kitba ta’ Etienne Micallef, u mużika ta’ Dominic Cini. Mat-tokki ta’ nofs illejl imbagħad saret il-mixegħla ġenerali tal-koppla u l-kampnar fost id-daqq ferrieħi tal-mota solenni li kisret is-sikta ta’ dik il-lejla, u l-ħruq ta’ murtaletti.
Imbagħad infetħet ġimgħa ta’ tħejjija għall-ftuħ solenni tal-Ħadd 10 ta’ Jannar. Is-Sibt 2 ta’ Jannar filgħaxija l-vara ta’ San Duminku nħarġet min niċċa u ġie mikxuf il-pedestall tal-fidda, uniku fl-għamla u l-ġmiel tiegħu, li fuqu tistrieħ il-vara ta’ San Duminku, tal-artist Vittorjosan Ġużeppi Decelis, li matul dawn l-aħħar xhur ġie mnaddaf. Fis-6 ta’ Jannar, il-jum tal-ftuħ tas-Sena Ċentinarja madwar id-dinja, fil-Knisja tal-Lunzjata tal-Birgu saret ġurnata Ewkaristika. Matul il-ġimgħa kollha ġew mistiedna bosta għaqdiet, komunitajiet, u saċerdoti, fosthom il-Patrijiet Kapuċċini tal-Kalkara, l-Arċiprieti, Retturi, u reliġjużi oħra fil-Kottonera. Għall-quddiesa ta’ Jum il-Kottonera ġew mistiedna ukoll is-Sindki tal-Kottonera, li wara l-quddies poġġew bukketti tar-rand quddiem in-niċċa ta’ San Duminku fid-daħal tal-Birgu, li ġiet armata bid-damask għall-ewwel darba fl-okkażjoni tal-Ftuħ tas-Sena Ċentinarja. Fil-5 ta’ Jannar, il-Jum iddedikat għal-Lajċi Dumnikani, l-Isqof Dumnikan Malti ta’ Tirana l-Eċċ. T. Mons. Ġorġ Frendo O.P., ta t-tieni taħdita permezz tal-internet bit-titlu, Il-Predikazzjoni Dumnikana: Xandira ta' Tama, minn sensiela ta’ taħditiet dwar il-Kariżma Dumnikana ‘l bieraħ u llum. Inizzjattiva oħra li ħa l-Kumitat Organizzattiv tal-Festi Ċentinarji ta’ San Duminku fil-Birgu, din id-darba b’kollaborazzjoni mal-Kulleġġ tal-Patrijiet Dumnikani, San Albert il-Kbir, kienet dik tal-pubblikazzjoni ta’ ktejjeb għat-tfal li jirrakkonta l-ħajja ta’ San Duminku b’illustrazzjonijiet u narrativa addattati għalihom, imħejjija mill-għalliem fl-istess kulleġġ Carlo Fenech u maqlub għall-Malti minn maqlub għall-Malti minn Daniela Schembri u bil-qari tal-provi ta’ Marilyn Fenech, kollha għalliema fl-istess kulleġġ.
Il-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet intlaħqu fi tmiem il-ġimgħa bejn id-9 u l-10 ta’ Jannar. Fil-jum tas-Sibt filgħaxija saret transulazzjoni solenni bir-relikwija ta’ San Duminku, u wara l-Pirjol P. Aaron Zahra O.P. kixef il-musbieħ taċ-Ċentinarju. L-għamla tal-musbieħ hija replika tar-relikwarju li jġorr fih il-kranju ta’ Missierna San Duminku, u li ser tinġieb Malta
f’Awwissu li ġej għall-festa tal-Patrijarka fil-Birgu. P. Tonio Mallia Milanes, Sotto-Pirjol tal-komunità tal-Lunzajta fil-Birgu, ippreżenta soprapissdi tal-bizzilla magħmul mill-ħarir b’erba’ simboli marbuta ma’ San Duminku. Il-Ħadd 10 ta’ Jannar imbagħad sar il-ftuħ mill-aktar Solenni tal-Festi Ċentinarji permezz ta’ Pontifikal Solenni mmexxi mill-Em. T. il-Kardinal Mario Grech, u bis-sehem tal-Eċċ. T. il-President ta’ Malta George Vella u l-Prim Imħallef Dr. Mark Chetcuti u dinjitarji oħrajn. Wara l-quddiesa il-Kardinal Grech xegħel il-musbieħ fost il-kant tal-Antifona tal-Pie Pater, tas-Surmast Vincenzo Bugeja, esegwita mill-orkestra taħt id-direzzjoni ta’ P. Salv Galea O.P. Wara huwa żar ukoll is-sede tal-Għaqda Filarmonika Prince of Wales Own tal-Birgu, fejn hemmhekk kien milqugħ mill-Kumitat Ċentrali fis-sala. Filgħaxija imbagħad saret akkademja mużikali mtella’ mill-imsemmija Għaqda Filarmonika, taħt id-direzzjoni tas-Surmast Vincent Bonnici, li fi tmiem tagħha ndaqq għall-ewwel darba l-
innu l-ġdid, Sebħ il-ġmiel ta’ Kalaroga, miktub għas-Sena Ċentinarja bil-versi tiegħi, u mmużikat mill-kompożitur bravu Mro. Raymond Sciberras. Għal din l-okkażżjoni attenda l-Kap tal-Oppożizzjoni Dr. Bernard Grech u s-sinjura tiegħu flimkien ma’ dinjitarji oħrajn.
Matul din is-sena hemm diversi attivitajiet imħejjija mid-Dumnikani tal-Birgu. Iżda l-qofol taċ-ċelebrazzjonijiet tal-Festi Ċentinarji ser jintlaħqu bil-miġja tar-relikwija ta’ San Duminku minn Ruma, għall-ewwel darba f’Malta, għall-festi solenni li ser isiru fil-Belt Rebbieħa fl-aħħar ġimgħa t’Awwissu bejn il-21 u d-29 tal-istess xahar.
Dan l-artiklu deher fuq il-gazzetta n-Nazzjon fit-13 ta' Jannar 2021.
Comments