Il-Purtiera tat-Tabernaklu tal-Knisja tal-Lunzjata li ġġarfet bil-Gwerra
Dalgħodu s-sur Charles Camilleri mill-Furjana għadda lill-Kunvent tal-Lunzjata din il-purtiera qadima, li kienet tiddendel fuq ġewwa tat-tabernaklu, eżatt wara l-bieba.
Charlie rrakkontalna kif missieru, Ġanni Camilleri, kien għodwa waħda xogħol għand Camilleri, il-kafetterija tal-familja tiegħu fi Strada Sant'Ursola, il-Belt Valletta, meta fid-daqqa u l-ħin beda jara daħna kbira tielgħa minn fuq il-Birgu. Mar jiġri għal fuq is-swar, sewwasew fejn illum hemm il-qanpiena, monument tat-Tieni Gwerra Dinjija, u minn hemm dlonk intebaħ li kienet intlaqtet il-Knisja tal-Lunzjata fil-blitz tal-Ġermaniżi. Kien id-19 ta' Jannar 1941.
Minnufih Ġanni niżel ix-xatt, qabad l-ewwel dgħajsa li sab, u qasam għall-Kottonera. Kif wasal fit-telgħa tal-Lunzjata sab lill-pirjol, P. Alfons Spiteri OP, jistrieħ mal-ħajt faċċata tal-Knisja, jistenna l-għabra toqgħod biex jidħol jara l-ħerba li ħallew il-bombi.
Meta daħlu ħdejn il-bieb Ġanni sab il-purtiera tat-tabernaklu fl-art. Ġabarha u l-Pirjol qallu biex iżommha. Wara bosta snin Ġanni għaddieha lil ibnu Charles, li żammha b'għożża kbira, daqs din il-ġrajja sabiħa li rrakkontalna.
Issa huwa xtaq li din il-purtiera terġa' lura l-Kunvent tal-Lunzjata, tifkira kiebja oħra ta' dawk il-ġrajjiet ta' qsim il-qalb.
Nirringrazzjaw lis-sur Camilleri ta' dan il-ġest ferm sabiħ.
תגובות