top of page

Il-Fratellanza tar-Rużarju fil-Knisja tal-Lunzjata:
L-Ewwel Waħda f’Dawn il-Gżejjer

Miktub minn Anton Attard

70256624_437771096832450_513689652801044

L-Ewwel Parti

 

Il-kult lejn il-Madonna tar-Rużarju fil-Knisja tal-Lunzjata fil-Birgu jmur lura sa mill-ewwel snin tal-wasla tal-Ordni Dumnikan f’din il-belt. Dan jista’ jiġi msaħħaħ permezz ta’ kitba li saret fl-1540 dwar għotja lill-patrijiet minn ċertu Girolamo Balaguer biex fil-knisja jagħmlu kwadru tal-Madonna b’dan it-titolu speċifiku. 

Sebgħa u erbgħin sena wara, it-tabib Spanjol Francesco Iniques, li ġie jgħammar f’Malta fl-1530, bena kappella fl-istess knisja u ddedikaha lill-Madonna tar-Rużarju. Il-kwadru titular għaliha kien ikkummissjonah għand l-artist ta’ fama Girolamo Spagnuolo, artist Sirakużan, li għamel żmien jgħix il-Birgu. Fost il-kundizzjonijiet li għamillu kien hemm li l- Madonna kellha tidher qed tagħti l-Kuruna tar-Rużarju lil San Duminku u mad-dawra tal-kwadru jpitter il-ħmistax-il posta tar-Rużarju. Kwadru ta’ importanza storika, għax kien l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’dawn il-Gżejjer. Flimkien ma’ dik fil-knisja tad-Dumnikani tar-Rabat, din kienet l-ewwel kappella f’Malta ddedikata lill-Madonna taħt it-titlu tar-Rużarju. 

Permezz ta’ atti għand in-nutar Guglielmo Briffa tas-7 u 28 ta’ Frar 1580, Bernardino Iniques, bħala eredi ta’ missieru Francesco, kien ta u ttrasferixxa l-Kappella tar-Rużarju fil-Knisja tal-Lunzjata lill-Fratellanza tar-Rużarju, li kienet mislufa lilha snin qabel minn missieru. Aktarx kien għalhekk li kien hemm waqtiet meta kien maħsub li l-Fratellanza kienet twaqqfet fl-1580. Iżda dan mhux korrett.

 

Wara Lepanto

Qabel il-battalja ta’ Lepanto bejn il-forzi Kristjani u dawk Misilmin fl-1571, il-Papa Piju V, kien ħeġġeġ lill-insara għat-talba tar-Rużarju. Wara, wera l-konvinzjoni li r-rebħa kienet inkisbet bl-interċessjoni tal-Madonna tar-Rużarju. Dan wassal biex ftit wara ġiet stabbilita l-festa liturġika tagħha.  Minn dakinhar, id-devozzjoni lejn il-Madonna taħt dan it-titlu kompliet tixtered mad-dinja nisranija u kompliet żdiedet iżjed fil-Knisja tal-Lunzjata ta’ din il-belt. Il-kappella tar-Rużarju kisbet aktar prominenza u kompliet tissebbaħ u tiġi mogħnija b’diversi legati ta’ quddies, li beda jiġi ċċelebrat fiha kważi kuljum.

Fil-Kapitlu Ġenerali  ta’ l-Ordni Dumnikan li kien sar fl-1574, kienet inħarġet direttiva li kellu jsir dak kollu possibbli biex fil-knejjes amministrati mid-Dumnikani jitwaqqfu Konfraternitajiet, jew kif magħrufin aktar, Fratellanzi  tal-Madonna taħt it-titolu tar-Rużarju.

 

Fil-Birgu, jidher li din id-direttiva kienet antiċipata sa minn tliet snin qabel. Dan joħroġ minn żewġ testmenti li saru kmieni fl-1572. Permezz ta’ dak magħmul minn Ludovico Mano, li sar f’Jannar ta’ dik is-sena, it-testatur ħalla flus biex jinqasmu bejn il-konfraternitajiet li kien hemm fil-Lunzjata,  fosthom tissemma’ dik tar-Rużarju. 

Xahrejn wara dak ta’ Mano, Matteo Azzopardi kien għamel l-istess u fost il-legati li ħalla lill-konfraternitajiet tal-Knisja tal-Lunzjata, tissemma għal darb’ oħra dik tar-Rużarju. Dan kollu huwa prova li l-Fratellanza tar-Rużarju fil-Birgu, fl-1571 kienet ġa mwaqqfa. Dan jikkonferma wkoll li din kienet l-ewwel Fratellanza tar-Rużarju li twaqqfet f’dawn il-Gżejjer.

 

Tikber u Tissaħħaħ

Sa l-1586,  aktarx li kienet issaħħet biżżejjed biex saret attiva ħafna. Dan wassal biex fid-19 ta’ April 1594, Dun Antonio Busuttil u Dun Giovanni Domenico Testaferrata, f’isem il-Fratellanza, waslu għal  ftehim mal-Komunita’ tal-kunvent fuq diversi punti li, għal-xi żmien,  setgħu kienu l-kawża ta’ tilwim bejniethom .  Fost il-ftehim milħuq kien hemm li l-kappella tar-Rużarju tkun amministrata  mill-Fratellanza u li jinbena  għall-fratellanza oratorju f’lok ipprovdut mill-patrijiet biex fih isiru l-laqgħat u ċ-ċerimonji devozzjonali mill-fratelli. Qablu wkoll, li d-Direttur Spiritwali tal-Fratellanza kellu jkun patri Dumnikan mill-Kunvent tal-Birgu. Għal din il-kariga dejjem kien jintgħażel il-Pirjol, li kien ikun preżenti u jippresiedi f’kull laqgża, li fil-biċċa l-kbira kienet issir nhar ta’ Hadd filgħodu. 

 

Dan il-ftehim milħuq, ma kienx biżżejjed biex jiġi evitat tilwim ieħor li seħħ bejn il-Fratellanza u l-Patrijiet f’nofs is-Seklu Dsatax. Il-Komunita’ kienet qed issostni li l-kappella hija  tagħha, filwaqt li l-Fratellanza sostniet li din saret tagħha, b’riżultat ta’ l-għoti lilha ta’ dik oriġinali fil-Knisja tal-Lunzjata l-antika mill-propjetarju tagħha Bernardino Iniques fl-1585. Dan in-nuqqas ta’ ftehim spiċċa l-Qorti li, b’sentenza tal-Prim Awla fil-15 ta’ Dicembru 1859 u konfermata fl-Appell fil-11 ta’ Jannar ta’ sentejn wara ġie deċiż li din kienet propjeta’ assoluta tal-Fratellanza.

 

Minbarra l-presidenza tad-Direttur Spiritwali, il-Fratellanza kienet amministrata minn Rettur, żewġ Assistenti, Segretarju, Kollettur u għadd ta’ Konsulenti, li qatt ma kienu inqas minn sebgħa. Kull wieħed b’kariga partikulari - bħal ma kienu l-Prokuratur tal-kappella, tan-niċċa tar-Redentur u tas-Sodalita’ tal-Mejtin. Din l-istabbilta’ wasslet biex l-imseħbin ikunu f’qagħda li jfasslu l-Kostituzzjonijiet tal-Fratellanza fuq ta’ dik li kien hemm fil-Knisja ta’ Santa Marija ta’ Minerva f’Ruma.  Dan ma jfisserx li aġġornamenti tul is-snin ma sarux. Niltaqgħu ma’ dawk li ġew approvati fl-1927 u aktar qribna fl-1963, u għal darba oħra mill-Pirjol Frank Borg OP, fil-bidu ta’ dan is-seklu

 

Mal-medda tas-snin, il-Fratellanza kompliet tissaħħaħ. L-għadd ta’ fratelli u consorelle baqa jikber. Mil-lista ta’ membri mseħbin fl-1862 joħroġ li fil-Fratellanza kien hemm 216 fratell u 111 consorelle. Dawn kienu minn diversi bliet u rħula, l-aktar mill-Kottonera għalkemm saħansitra kien hemm ukoll minn Għawdex. Kompla jikber ukoll l-għadd ta’ mseħbin fis-Sodalita’ tal-Erwieħ li twaqqfet fiha li, lejn nofs is-seklu dsatax, l-imseħbin kienu jaqbżu l-500. Dawn, bi ħlas żgħir kull xahar, kienu ntitolati għal 7 quddisiet b’suffraġju għal ruħhom wara mewthom u quddies ieħor li kien jitqaddes fl-Oratorju tal-Fratellanza tul Novembru. Kienu ntitolati wkoll li nieshom jingħataw parti mill-ispejjeż tal-funeral. 

 

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Festa

Minn nofs is-Seklu Sbatax u għal mijiet ta’ snin wara, il-Fratellanza  ntrabtet li  tikkontribwixxi sostanzjalment għaċ-ċelebrazzjpni ta’ xi festi partikulari fil-Knisja tal-Lunzjata. Ma jistax jonqos li l-aqwa fost dawn ma tkunx dik tal-Madonna tar-Rużarju, fl-ewwel Hadd ta’ Ottubru. 

 

 Fl-antik, il-festa kienet tiġi ċċelebrata b’solennita’ ħafna akbar millum. Minn wieħed mill-kotba tat-Teżorier tas-Seklu Tmintax nieħdu ħjiel ta’ kif kienet tiġi ċċelebrata din il-festa f’dawk is-snin.  Sa minn jiem qabel, il-Knisja tal-Lunzjata kienet titlibbes l-isbaħ libsa tagħha. Kienet tinkesa b’damask isfar u aħmar, li għal xi snin kien jinkera minn xi knejjes tal-Belt Valletta  u drabi oħra mill-Knisja ta’  San Filippu fl-Isla.  L-art kienet tinkesa b’weraq tar-rand u tal-larinħ; kollox mill-fondi tal-Fratellanza. Nhar il-festa kien jibda bil-kant tal-Matutin, kmieni filg]odu, mill-patrijiet. Aktar tard,  kienet tiġi ċċelebrata Quddiesa Solenni, bil-mużika u bil-paniġierku. Wara nofsinhar, kienet toħroġ il-purċissjoni bi statwa tal-Madonna. L-istess kien isir fl-Ottava, tmint ijiem wara.

bottom of page